Installazzjonijiet taż-Żejt f’Ħas-Saptan, Ras Ħanżir, Wied Dalam u Birżebbuġa

TAGĦRIF GĦAL MIN JOQGĦOD VIĊIN

KIF MITLUB MILL-AVVIŻ LEGALI 179/2015 DWAR IL-KONTROLL TA’ PERIKLU TA’ INĊIDENTI KBAR

CUSTOMER CARE 2220 8100

LILL-ĠIRIEN TAGĦNA

Din l-informazzjoni qed tingħata minħabba li intom toqogħdu viċin wieħed mill-faċilitajiet għall- ħażna tal-prodotti taż-żejt li għandna f’ Ħas-Saptan, Ras Ħanżir, Wied Dalam u Birżebbuġa. L-installazzjonijiet qed jitħaddmu mill-kumpanija Enemed Co. Ltd. Ir-Regolamenti fl-Avviż Legali 179/2015 dwar il-Kontroll ta’ Perikli ta’ Inċidenti Kbar (Control Of Major Accident Hazards), jitolbu li nipprovdu pjan u li nagħtu informazzjoni lill-pubbliku dwar x’jista’ jiġri f’każ li jkun hemm xi emerġenza.

Fl-installazzjonijiet tagħna, nimpurtaw permezz tal-vapuri , naħżnu f’tankijiet, u nqassmu l-prodotti taż-żejt permezz ta’ pajpijiet u f’mini taħt l-art. Il-prodotti jinkludu petrol, diesel u Jet A1 li jintuża fl-avjazzjoni. Dawn il-prodotti jinħażnu f’tankijiet kbar fuq u taħt l-art u huma mqabbdin flimkien permezz ta’ pajpijiet anke minn mini taħt l-art.

Aħna għandna snin ta’ esperjenza fit-tmexxija ta’ dawn l-installazzjonijiet. L-emerġenzi li kkunsidrajna f’Rapport ta’ Sigurtà li ppreparajna apposta, jinkludu splużjonijiet u nirien kbar. Aħna kunfidenti li dawn l-emerġenzi mhumiex daqstant probabbli. Iżda, f’każ ta’ emerġenza, aħna rridu li nkunu nistgħu navżawkom dwar dan, u x’għandu jsir min-naħa tagħkom. Dan il-fuljett jinkludi Istruzzjonijiet ta’ Emerġenza.

Ikun hemm il-possibbiltà li splużjoni jew nar qawwi jiġġenera ammont sostanzjali ta’ duħħan u foga. Duħħan u foga normalment jitilgħu ’l fuq u għalhekk m’għandux jaffetwa l-bini u l-abitanti tal-inħawi. Iżda f’każ improbabbli li jkun hemm kemm nar jew ħruġ ta’ ħafna foga , kif ukoll kundizzjonijiet atmosferiċi partikulari (bħad-direzzjoni u l-qawwa tar-riħ), dawn jistgħu joħolqu periklu għall-ġirien viċin tagħna.

L-IMPJANT U X’NAGĦMLU

Hemm regoli internazzjonali għall-kostruzzjoni u operazzjoni ta’ installazzjonijiet tal-prodotti taż-żejt. It-tankijiet inbnew skont standards għoljin li kienu jeżistu dak iż-żmien. It-tankijiet kollha u l-apparat huma regolarment miżmuma f’kundizzjoni tajba skont standards rikonoxxuti u ispezzjonati perjodikament.

L-installazzjonijiet huma mmexxija minn nies tekniċi u professjonali li jkunu preżenti fis-siti waqt l-operazzjonijiet. Il-ħaddiema huma mħarrġa biex imexxu l-operazzjonijiet u jingħataw korsijiet fuq tifi ta’ nar u eżerċizzji ta’ evakwazzjoni (fire drills).

Dawn l-installazzjonijiet jaqgħu taħt ir- ‘Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Perikli ta’ Inċidenti Kbar, Avviż Legali 179 tal-2015. Dan jitlob li jsir ‘Safety Report’ tal-attivitajiet kollha li jitwettqu fuq is-siti minn konsulenti speċjalizzati. Għandna wkoll ‘Pjan ta’ Emerġenza’ f’każ li tinqala’ l-ħtieġa. Is-‘Safety Report’ għaddejnieh lill-awtorità kompetenti imwaqqfa bl-istess regolamenti.

ISTRUZZJONIJIET TA’ EMERĠENZA

Din l-informazzjoni tinkludi ‘Istruzzjonijiet ta’ Emerġenza’ biex tkunu tafu x’għandkom tagħmlu f’każ li tinqala’ xi emerġenza. Dawn ġew ippreparati b’konsultazzjoni mad-Dipartiment tal- Protezzjoni Ċivili. Nitolbukom issiru midħla tagħhom u tistgħu tipprintjawhom u tpoġġuhom f’post aċċessibbli.

L-ALLARM

Aħna installajna sirena ta’ allarm speċjali biex tagħti avviż ta’ emerġenza. Il-ħoss li tagħmel din is-sirena jintgħaraf għaliex jgħajjat ħafna u jalterna. Hemm ħsejjes ta’ allarm oħra li jintużaw fl-installazzjonijiet minn żmien għall-ieħor. Iżda biex il-ħoss tas-sirena speċjali jkun distintiv għażilna ħoss li jaqleb minn ton għal ieħor (two tone warble), bħal ta’ ambulanza. Meta jkun għadda kollox, l-istess sirena ddoqq b’ton wieħed.

Tistgħu tagħrfu l-ħoss ta’ din is-sirena għaliex aħna ser nippruvawha billi ndoqquha għal għaxar (10) sekondi kull l-ewwel Tlieta ta’ Settembru ta’ kull sena fid- 9.00 ta’ filgħodu. Aħna nfakkrukom f’dan it-test b’avviż fil-ġurnali lokali u fuq ir-radju. L-allarm jindaqq biss jekk ikun hemm periklu għall-persuni barra l-installazzjonijiet. Jekk taraw xi nar jew ixxommu xi riħa taż-żjut, iżda ma ddoqqx l-allarm, dan ikun ifisser li m’hemmx periklu għall-publiku. Is-sireni l-oħra li jintużaw ġewwa s-siti tagħna jagħmlu anqas ħoss mis-sirena tal-allarm u jinstemgħu differenti. Minn żmien għal ieħor tistgħu tisimgħu dawn is-sireni interni, minħabba li nittestjawhom b’mod regolari. Jekk id-dar tagħkom qiegħda viċin waħda mill-installazzjonijiet tagħna, importanti tkunu ċerti li l-membri kollha tad-dar jafu b’dawn l-arranġamenti. Jekk għandkom xi negozju viċin, importanti li l-impjegati kif wkoll il-klijenti regolari jkunu jafu b’dawn l-arranġamenti.

Jekk teħtieġu aktar informazzjoni intom mitluba tikkuntattjaw il-Customer Care tal-Enemed fuq in-numru 2220 8100 jew iżżuru is-sit elettroniku tagħna www.enemed.com.mt . Nirringrazzjawkom tal-koperazzjoni tagħkom.

ISTRUZZJONIJIET TA’ EMERĠENZA

Kif tisma’ s-sirena, għandek timxi ma’ dawn l-istruzzjonijiet:

Is-sirena tal-ALLARM għandha ħoss alternat għoli u baxx li jibqa’ għaddej għal mill-anqas minuta.

Sib kenn billi tidħol fl-eqreb binja. Il-bini jtik kenn mill-perikli esterni bħal temperaturi għolja u sħanat kaġunati minn splużjoni jew nirien. Li toqgħod ġewwa tkun qed tgħin sabiex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku mit-toroq sabiex l-operaturi tal-emerġenza jkollhom aċċess liberu sa ma jaslu fuq il-post tal-inċident.

Għalaq il-bibien, it-twieqi u persjani, u itfi jew sodd is-sorsi tal-arja bħal ventilaturi sabiex tipproteġi lilek innifsek minn oġġetti jtiru b’riżultat ta’ xi splużjonijiet u foga.

Oqgħod f’kamra l-aktar ’il bogħod mill-inċident, preferibbilment b’aċċess għal barra. Toqgħodx wara bibien jew twieqi li jagħtu għal barra.

Tużax il-mobile sakemm ma jkunx verament neċessarju. Il-linji tat-telephone u mobile għandhom ikunu liberi sabiex persuni fil-periklu jkunu jistgħu jikkuntattjaw lill-ħaddiema ta’ emerġenza mingħajr ma jsibu l-linji bblukkati. Uża BISS f’każ li teħtieġ assistenza.

Tpejjipx. Itfi xi fjammi li jista’ jkollok mixgħula. Jista’ jkun hemm preżenza ta’ gass li jaqbad.

Isma’ r-radju u ara t-TV. Aktar informazzjoni u istruzzjonijiet ikunu imxandrin mill-mezzi tax- xandir. (PBS radio 93.7 MHZ FM or PBS TV)

Stenna għas-sinjal tal-‘ALL CLEAR’ li jfisser li m’hemmx periklu.

Is-sirena li l-periklu jkun għadda tinstema’ b’ħoss kontinwu għal mhux anqas minn minuta. L-awtoritajiet jagħtu wkoll tagħrif bil-mezzi tax-xandir (PBS Radio & TV).