Fil-jiem li ġejjin, mistenni jibda x-xogħol biex il-ħażna tal-fjuwil li għal diversi snin kienet issir fl-impjant 31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa, impjant li kien fil-qalba tar-residenti u kien ta’ periklu għas-saħħa ambjentali, tibda ssir f’impjant modern f’Ħas-Saptan. L-impjant f’Ħas-Saptan se jkun qed jilħaq l-istandards kollha ta’ sigurta, fejn il-fjuwil se jkun immaniġġjat b’mod aktar effiċjenti.

Dan il-pass kienet wiegħda oħra ta’ dan il-Gvern li sa mill-bidu tal-ewwel leġislatura tiegħu, wiegħed li se jkun qed jieħu azzjoni u jagħlaq it-tankijiet tal-ħażna tal-fjuwil f’Birżebbuġa. Il-permess biex jinbeda x-xogħol fuq il-faċilitajiet f’Ħas-Saptan, inħareġ mill-Awtorita tal-Ippjanar fit-23 ta’ Ġunju li għadda u sussegwentament ingħata l-kuntratt biex ix-xogħol ikun jista’ jinbeda ix-xahar id-dieħel.

Il-proġett ta’ Ħas-Saptan se jkun qed juża 35 elf metru kwadru inqas minn dak li hemm fis-sit ta’ Birżebbuġa, għax se jkunu qed jintużaw il-faċilitajiet tal-ħażna li hemm taħt l-art. L-istazzjon li jinsab fuq l-art se jakkomoda ‘bottom loading road tankers’ u għaldaqstant ser jkunu qed jiġu eliminati ‘vapors’ li jistgħu joħorġu fl-arja waqt it-tagħbija tal-fjuwil fir-road tankers. Dan ifisser arja aktar nadifa.

Dan il-proġett huwa pass ieħor fl-impenn kontinwu tal-Gvern preżenti għal sistemi effiċjenti li jagħtu prijorita lis-saħħa tan-nies speċjalment lil dawk fin-Nofsinhar ta’ Malta li għal diversi snin batew minn inkonvenjenzi kbar, kemm bil-power station tal-Marsa li issa m’għadhiex tintuża u kemm bil-power station ta’ Delimara, li fil-ġranet li għaddew, il-Gvern ħabbar li jinsab f’pożizzjoni biex jinbeda x-xogħol fuq il-ħatt tagħha.

Permezz tal-għeluq taż-żewġ power stations li kienu jaħdmu bil-heavy fuel oil, pajjiżna issa għalaq il-kapitlu darba għal dejjem tal-aktar żejt li jniġġes u qed jagħmel użu mill-gass naturali.