Għal bosta snin, ir-residenti ta' Ħal Għaxaq kienu qed iħossu l-bżonn li jsir bandli ġdid fil-lokal tagħhom, proġett li llum jistgħu jħossuh aktar reali. Wara li f’Settembru li għadda l-MEPA approvat il-permessi, ftit tal-jiem ilu, ġie ffirmat ftehim għal finanzjament ta' dan il-proġett.

Il-ftehim li sar bejn il-Kunsill ta' Ħal Għaxaq mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, permezz tal-kumpanija Enemed, se jkun qed jgħin finanzjarjament lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq li se jiffinanzja parti mill-proġett ta’ rikreazzjoni għall-familja f’din il-lokalità permezz ta’ għotja ta’ €105,000 mifruxa fuq tliet snin.

Permezz ta’ ffirmar ta’ ftehim bejn iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-kumpanija, Kevin Chircop u s-Sindku ta’ Ħal Għaxaq, Darren Abela f’isem il-Kunsill Lokali, il-Ministru Joe Mizzi feraħ lill-Kunsill Lokali bil-proġett li ġie ppreżentat u li ħassu sodisfatt bil-kumpanija Enemed tal-inizjattiva u qal li l-kumpanija temmen ħafna fil-kwalità tal-ħajja u fil-futur ta' wliedna.

Il-Ministru Joe Mizzi sostna li proġetti bħal dawn huma ta' sodisfazzjon għalih, fejn mhux biss isir proġett kbir u ta' importanza, imma permezz ta' ftehim mal-kunsill, ikun jista' jiġi sostnut b’manteniment matul is-snin, u b’parteċipazzjoni tar-residenti stess.

Is-Sindku ta' Ħal Għaxaq Darren Abela rringrazzja lil kull min kellu sehem biex il-ftehim sar realtà, speċjalment lill-kumpanija Enemed talli laqgħu t-talba tal-komunità Għaxqija, u sostna li l-kumpanija Enemed mhux se tibqa' msemmija biss bil-proġett ta' Ħal Saptan, imma issa wkoll bi proġett li se tagħti lura preġju lil żona li kellha bżonn proġett kapitali għal bosta snin.

Il-proġett tal-bandli ta' Ħal Għaxaq hu ppjanat li jibda aktar tard din is-sena u se jkun maqsum fuq żewġ fażijiet. Il-proġett mistenni jitlesta għall-bidu tas-sena skolastika li jmiss, fejn wara jibda t-tisbiħ tal-pjazza Santu Rrokku li tinsab biswit l-istess bandli.